Тёмный

TITQAJJEM FESTA LOKALI LI KIENET TWAQQFET 

ONE News Malta
Подписаться 28 тыс.
Просмотров 834
50% 1

ONE.COM.MT • Se nitkellmu issa dwar festa Għawdxija, li ma kinitx baqgħet issir, iżda qed terġa’ tingħata xi forma ta’ ħajja permezz ta’ esebizzjoni fil-Każin tal-Banda La Stella fir-Rabat.
KITBA: STEFAN BAJADA
FILMAT: ONE
Il-festa tal-Madonna tan-Niċċa, il-Madonna ta’ Loretu. Festa li kienet tiġi ċċelebrata fil-passat, iżda llum le.
Fil-Każin tal-Banda La Stella bħalissa qed tittella’ esebizzjoni biex tfakkar l-organizzazzjoni ta’ din il-festa unika, li kienet issir fil-Belt Victoria, proprju fit-tarf ta’ Triq Għajn Qatet, qabel taqbad in-niżla lejn ix-Xewkija.
Sal-ġurnata tal-lum ħadd ma jaf eżatt id-data meta bdiet issir din il-festa, iżda l-indikazzjonijiet juru li fiha kien jingħad ir-rużarju, issir quddiesa fil-beraħ, kif ukoll ħuġġieġa quddiem in-niċċa.
F’nofs is-snin sittin, l-artist Għawdxi Wistin Camilleri kien tqabbad biex jaħdem vara ġdida tal-Madonna ta’ Loretu, biex issir il-festa biha, peress li dik li hemm fin-niċċa hi tal-ġebel.
Il-vara, li tlestiet fil-25 t’Awwissu tal-1968, ġiet tiswa disa’ Liri Maltin u, dik is-sena stess, saret l-ewwel festa biha.
Il-festa kienet issir l-biċċa l-kbira Ħadd qabel jew Ħadd wara l-festa ta’ Santa Marija, iċċelebrata fil-15 t’Awwissu, u kienet titqies bħala festa tradizzjonali bil-marċi, tlielaq tat-tfal, armar fit-toroq kollha, nar tal-art u kienet popolari ħafna wkoll għan-nar tal-ajru.
Lejlet il-festa, il-Legion of Mary kienu jirreċtaw ir-rużarju quddiem n-niċċa u wara jsir marċ brijuż mill-banda mistiedna, li kien jagħlaq bin-nar tal-art. Nhar il-festa kienet issir quddies fil-beraħ quddiem in-niċċa mill-Isqof u, wara, tibda l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna, ir-relikwa, il-fratelli u l-banda, fost l-oħrajn.
Dan kollu jinsab proprju fl-esebizzjoni fejn wieħed meta jżurha jista’ jara kif kienet tiġi ċċelebrata.
Fil-fatt tkellimna ma’ Christian Debono, li spjegalna aktar dwar dan.
CHRISTIAN DEBONO
WIEĦED MILL-ORGANIZZATURI
“Apparti l-vara, hawnhekk insibu esebiti wkoll għadd kbir ta’ ritratti antiki tal-logħob tan-nar, kemm tal-art u kemm tal-ajru, partituri tal-marċijiet, armar, l-istatwa l-antika li kienet tittella’ fit-triq .Għandna wkoll ir-relikwa tal-Madonna u d-dehebijiet li kienu ngħataw lilha min-nies tal-inħawi. Minbarra hekk għandna rċevuti tal-Pulizija tal-permessi, tat-tiġrijiet, tal-baned tal-armar, biex jinbieġ ix-xorb, standardi .Il-wirja se tkun miftuħa mill-Erbgħa 4 ta’ Settembru sat-Tnejn 9 ta’ Settembru ġewwa l-Każin La Stella, ir-Rabat, Għawdex.”
Is-snin kollha, l-armar, l-armaturi tan-nar tal-art u dak kollu relatat mal-festa baqgħu jinżammu f’maħżen privat, poġġuti puliti qisu l-festa ma waqfet qatt.
Il-vara proċessjonali tal-Madonna, tinsab meqjuma bl-akbar għożża f’residenza privata wkoll, li għalkemm ilha 40 sena ma toħroġ, in-nies tal-akkwati, għadhom devoti kbar tagħha.

Опубликовано:

 

15 сен 2024

Поделиться:

Ссылка:

Скачать:

Готовим ссылку...

Добавить в:

Мой плейлист
Посмотреть позже
Комментарии